​Tiftħilhom kawża għax il-libsa tat-tieġ ġietha ssikkata

Mara ngħatat kumpens ta’ €100 wara li nqalgħu l-problemi bil-libsa tat-tieġ ta’ bintha.
Id-Direttur Ġenerali tal-Affarijiet tal-Konsumatur qal li ħareġ stqarrija dwar il-każ skont kif titlob il-liġi.
Mara użat is-servizzi ta’ Gaetano Busuttil għall-ħjata ta’ libsa għat-tieġ ta’ bintha.
Peress li l-qisien ma kienux tajbin, il-libsa ġiet issikkata żżejjed u kellha tmur għand ħajjat ieħor. Il-libsa sarulha ukoll ħafna tibdiliet. Hija talbet li tingħata lura s-somma ta’ €252.33 li ħallset għad-drapp.
It-Tribunal qal li l-konsumatriċi kien imissha ġibdet l-attenzjoni tal-bejjiegħ li l-qisien ma kienux korretti. Mill-banda l-oħra, il-bejjiegħ ma kellux jaċċetta s-suġġerimenti tal-konsumatriċi, fosthom li jinbidel iż-żipp, jekk dan kien ifisser li l-prodott finali ma kienx se jiġi sew.
It-Tribunal qal li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-partijiet. Laqa’ parzjalment it-talbiet tal-konsumatriċi u attribwiet ir-responsabbiltà liż-żewġ naħat. It-Tribunal ordna lill-bejjiegħ iħallas lura is-somma ta’ €100 lill-konsumatriċi u l-ispejjeż tat-Tribunal.
Intqal li Busuttil ma onorax id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumaturi.