Tiftakruhom it-Tamagotchi? Dalwaqt lura fis-suq

Lura fid-disgħinijiet, waħda mill-aktar logħbiet popolari kienet dik tat-Tamagotchi, u skont il-BBC, jidher li dalwaqt terġa’ lura fis-suq.

F’intervista, Josiah Chua spjega li meta kien għadu jmur l-iskola, ma kienux jitħallew jieħdu din il-logħoba magħhom. Qal li minkejja dan, kienu jaraw kif jaħbuha fil-basktijiet biex idaħħluha magħhom.

Il-ġugarell partikolari għandu forma ta’ bajda li tirrappreżenta pet, li s-sid irid iżomm ħaj billi jieħu ħsiebu u jkun attent għalih il-ħin kollu. Dan il-ġugarell kien fuq fomm kulħadd meta nħareġ fis-swieqi fl-1996.

Jidher li l-kumpanija Ġappuniża Bandai se tkun qed terġa’ toħroġ dan il-prodott fis-suq tal-Amerka ta’ Fuq f’Lulju li ġej. Iżda jidher li din id-darba il-prodott se jkun ħafna aħjar hekk kif il-pet se jagħmel ħafna aktar milli jiekol, jorqod u jmut. Jidher li issa iktar milli sempliċi pet, it-Tamagotchi se jinbidel f’karattru li jista’ jgħix f’artijiet differenti, u jista’ wkoll jiżżewweġ u jkollu l-frieħ.

Għaldaqstant jidher li għexieren ta’ persuni diġà qed iħallsu għall-prodott qabel ma dan ħareġ għall-bejgħ uffiċċjalment.