Tiftaħ università għall-anzjani fil-Mellieħa

Infetaħ is-sitt ċentru tal-Università tat-Tielet Età mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija u l-Istudji tad-Dimensja fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Agius Decelis qal li għandna mmoru lil hinn mill-mentalità li ladarba tikber ma jibqax il-bżonn li tkompli titgħallem. L-għan tal-Università tat-Tielet Età hi li aktar anzjani jibqgħu attivi fil-komunità anke permezz ta’ tagħlim kontinwu.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ġerontoloġija u l-Istudji tad-Dimensja fi ħdan l-Università ta’ Malta, Prof. Marvin Formosa, tkellem dwar kif l-Università tat-Tielet Età taqdi bosta funzjonijiet pożittivi, bħall-għajnuna lill-anzjani li jkunu qed iħossuhom weħidhom biex jerġgħu jissoċjalizzaw u jifformaw gruppi ġodda u jżidu l-interessi tagħhom.

Iċ-ċentru tal-Università tat-Tielet Età fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fil-Mellieħa se jkun miftuħ kull nhar ta’ Ħamis bejn l-16:30 u s-18:30.

Għal aktar informazzjoni, dawk interessati jistgħu jċemplu fuq 2340 3952 jew jibagħtuemail fuq simone.ellul@um.edu.mt. L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu fuq dan l-indirizz: 

University of the Third Age
Room 224
University of Malta
Msida