Tiftaħ ir-raba’ edizzjoni tal-MCAST Expo

Dalgħodu fetħet ir-raba’ edizzjoni tal-MCAST Expo fuq il-campus prinċipali tal-MCAST f’Raħal Ġdid.
L-Expo tal-MCAST tiġbor fiha studenti, għalliema, impjegati u kumpaniji minn diversi setturi tal-industrija Maltija taħt saqaf wieħed.  
Matul dawn il-ġranet, l-istudenti prospettivi u dawk eżistenti għandhom l-opportunità jaraw is-servizzi u l-korsijiet li joffri l-MCAST hekk kif tnieda wkoll il-prospett il-ġdid għas-sena 2015/2016.
Numru ta’ career advisors huma disponibbli jagħtu pariri u għajnuna lill-istudenti dwar il-karrieri li jistgħu isegwu u dwar opportunitajiet ta’ xogħol.
L-għan ewlieni tal-Expo huwa li jħeġġeġ l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu b’emfażi partikolari fuq l-istudenti imħajjra f’edukazzjoni vokazzjonali.
L-MCAST Expo ġiet inawgurata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u se tibqa’ miftuħa sa nhar is-Sibt li ġej.

Ritratt: DOI – Andrew Gauci Attard