Tiftaħ il-konsultazzjoni pubblika fuq emendi fil-Liġi tax-Xandir

Illum infetħet konsultazzjoni pubblika dwar emendi fil-Liġi tax-Xandir Kapitlu 350.

Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju 2020.

Fi stqarrija l-Gvern qal li wieħed mill-iskopijiet ta’ dawn l-emendi hu ħalli tidħol fis-seħħ id-Direttiva tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi 2018/1808. Hemm numru ta’ emendi oħra li ġew suġġeriti mill-Awtorità tax-Xandir li wkoll huma parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni.

Hu ppjanat li l-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju jkun hemm sessjoni ta’ informazzjoni online. Dawk kollha interessati li jkunu parti minn din is-sessjoni, għandhom jibagħtu email fuq euaffairs.opm@gov.mt ħalli jirċievu d-dettalji neċessarji. 

Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, responsabbli mix-xandir pubbliku, appella lil dawk kollha interessati ħalli jagħtu l-opinjoni u l-proposti tagħhom biex dawn ikunu kkunsidrati.

Kopja tad-dokumenti jinsabu online fuq www.konsultazzjoni.gov.mt.