Tiftaħ il-konsultazzjoni għall-avviż legali dwar il-protezzjoni tad-data

Infetħet konsultazzjoni pubblika għall-avviż legali dwar il-protezzjoni tad-data fis-settur edukattiv.
Dan se jkun qed jirregola l-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-istudenti.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data ħatar grupp biex jevalwa u anke jagħti l-ideat tiegħu għal kif isir l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali fil-qasam tal-edukazzjoni. 
F’April li għadda,il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien kiteb lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data biex jaħdmu flimkien fuq l-avviż legali dwar l-aċċess ta’ informazzjoni tal-istudenti. 
Dan biex, fi kliem il-Ministru, ikun jista’ “jgħin lit-tfal vulnerabbli u jgħin fit-tranżizzjoni bejn l-iskola u x-xogħol.”
Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tispjega li l-Gvern għandu l-obbligu li jindirizza n-nuqqasijiet fis-sistema edukattiva biex ikun jista “jgħin lil numru sostanzjali ta’ studenti bla kwalifiki li huma nieqsa mill-ħiliet bażiċi neċessarji jidħlu fid-dinja tax-xogħol.”
Għalhekk wara li kien hemm qbil bejn il-partijiet kollha konċernati, l-avviż legali qed jgħaddi għall-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika.
Ma' Newsbook.com.mt, il-Ministru Bartolo kien qal li bl-emendi l-affarijiet mhux se jmorru lura għal qabel ħareġ l-Avviż Legali 76.
Kien żied jgħid li l-avviż legali se jkun jinkludi l-avviż legali nnifsu kif ukoll dokumenti li jirregola kif jaħdem.
Wieħed jista' jara l-avviż legali f'dan il-link.

Reazzjoni PN
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista jesprimi sodisfazzjon għall-fatt li erba' xhur tard, il-Gvern ħabbar li se ssir konsultazzjoni pubblika dwar jekk il-Ministru tal-Edukazzjoni għandux ikollu aċċess għal informazzjoni sensittiva dwar l-istudenti.
L-istqarrija ssostni li madanakollu, l-Gvern għandu b’mod immedjat jannulla l-Avviż Legali 76 qabel ma jsir il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.
Il-Partit Nazzjonalista jsostni li f'soċjeta' serja, l-proċess ta' konsultazzjoni jiġi fl-ewwel stadju u mhux wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet u daħlet fis-seħħ.