Tiftaħ daqt skema għal inqas tniġġis mill-kostruzzjoni

Read in English.

Fl-10 ta’ Diċembru se tkun qiegħda tiftaħ l-iskema għal inqas tniġġis mill-industrija tal-kostruzzjoni b’investiment.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli spjega li Malta Enterprise se tibda tirċievi applikazzjonijiet għal għotja li permezz tagħha l-industrija tal-kostruzzjoni tista’ tibdel makkinarju qadim. Għal din l-iskema ġew allokati total ta’ €4 miljun mill-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika.

Il-Ministeru spjega li permezz ta’ din l-iskema, il-gvern qed iħeġġeġ lill-operaturi fl-industrija tal-kostruzzjoni biex jiskreppjaw u jibdlu makkinarju jew tagħmir qadim b’makkinarju ġdid li jiġġenera inqas emissjonijiet u jnaqqas l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara.

Dwar din l-iskema, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħeġġet lill-operaturi biex japplikaw għal din l-iskema u żiedet li din il-miżura se twassal għall-iskreppjar ta’ bosta vetturi u tagħmir qadim li kien inqas effiċjenti u li jniġġes. Il-Ministru Dalli kompliet li din l-iskema tinkludi għajnuna ikbar fuq makkinarju ibridu u li jaħdem bl-elettriku.

Ġie spjegat li t-tagħmir li se jiġi skreppjat u dak mixtri jrid jipprovdi l-istess funzjonalità. Madankollu, il-Malta Enterprise tista’ xorta waħda tikkunsidra tagħmir ieħor li jwettaq funzjoni differenti. Dan sakemm it-tagħmir il-ġdid ikollu l-istess kapaċità ta’ daqs tal-magna u jirriżulta fi tnaqqis raġonevoli fl-emissjonijiet tas-CO2 skont l-użu annwali.

Fid-diskors tagħha l-ministru rringrazzjat lill-Malta Enterprise u lill-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) għall-kollaborazzjoni tagħhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li l-Malta Enterprise mhux biss qed taħdem biex tgħin fir-riġenerazzjoni tal-ekonomija iżda wkoll qed taħdem biex timbotta operazzjonijiet aktar sostenibbli fil-qasam tan-negozju:

Il-Formola tal-Applikazzjoni għall-Iskema tal-Industrija tal-Kostruzzjoni tinsab fuq is-sit elettroniku regeneration.maltaenterpise.com. L-applikanti li huma interessati jistgħu jibdew jiġbru l-applikazzjoni iżda s-sottomissjonijiet jistgħu jsiru biss mill-10 ta’ Diċembru.

Il-Malta Enterprise spjegat li qabel ma tintbagħat l-applikazzjoni, l-applikanti prospettivi huma mħeġġa joħolqu profil permezz tal-client portal tal-Malta Enterprise li jippermettilhom japplikaw għal din l-iskema. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq info@maltaenterprise.com jew iċempel fuq in-numru 144.

Il-Malta Enterprise żiedet li se tibda tirċievi l-applikazzjonijiet mill-Ħamis, 10 ta’ Diċembru, f’nofsinhar permezz tal-portal tal-klijenti tal-Malta Enterprise. Saħqet li l-applikazzjonijiet se jiġu pproċessati fl-ordni li jaslu, sakemm jintuża l-baġit kollu ta’ €4 miljun li ġew allokati għal din il-miżura u l-applikazzjonijiet li ma jimtlewx sew jew ma jintbagħtux bl-informazzjoni mitluba se jiġu rrifjutati.

Il-Malta Enterprise infurmat lill-pubbliku li kull benefiċjarju jista’ jibbenefika sa €200,000 skont ir-regoli tal-għajnuna ‘De minimis’. Is-sottomissjoni tal-formola tal-applikazzjoni għandha ssir qabel jinxtara kull tip ta’ makkinarju/tagħmir.