​Tiftaħ b’suċċess sena oħra ta’ Skolasport

Il-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) reġa’ beda l-programm tax-xitwa ta’ Skolasport, bl-għan li jersqu kemm jista jkun tfal lejn l-isport.
Eluf ta’ partecipanti mlew iċ-ċentri kollha tal-KMS taħt it-tmexxija professjonali ta’ madwar 180 kowċ.
L-iskola nfetħet fil-Kumplessi tal-Kottonera, Marsa, Pixxina Nazzjonali, Kirkop, fl-Iskejjel tal-Ħandaq, Santa Margerita,  Pembroke u Mosta.  Għal dak li huwa sport speċjalizzat, l-attivitajiet bdew issiru fl-Eden Super Bowl, Badger Karting, Viking Sailing Club u Tennis Club Kordin.  Hemm ukoll programm fil-Padiljun ta` l-Università. 
Iż-żfin, il-ġinnastika, il-baskitbol u l-għawm baqgħu l-aktar attivitajiet popolari mal-parteċipanti.  Kien ghalhekk li fil-programm ta` din is-sena żdied programm ta` żfin sew fil-Pixxina kif ukoll fil-Marsa li kkumplimentaw ma’ dak li kien hemm qabel. Dan minbarra il-programmi foundation u participation immirati għat-tfal bejn l-4 u l-10 snin li għandhom l-għan li jintroduċu l-ħiliet sportivi bażiċi fid-diversi dixxiplini.
Infetħet ukoll l-akkademja ta` Triathlon għall-adulti.
Il-ġimgħa d-dieħla se tiftaħ ukoll l-akkademja taż-żwiemel li l-KMS qed jorganizza fil-korsa taż-żwiemel fil-Marsa.
SkolaSport tkompli ukoll matul il-ġimgħa bi programmi fil-Cottonera, Mosta, Kirkop u l-Pixxina Nazzjonali.
 Skolasport jipprovdi ukoll programm għall-ġenituri biex waqt li jkunu qegħdin jistennew lit-tfal tagħom huma ukoll ikunu jistgħu jieħdu sehem f’xi attivita’ fizika.
L-applikazzjonijiet jinsabu fuq www.sportmalta.org.mt jew minn xi wieħed miċ-ċentri u jibqgħu jintlaqgħu sakemm jintlew il-postijiet kollha.