Tifla tmut wara li qajmet kuxjenza dwar il-kruha tal-gwerra

Ritratt New York Times

Tmut it-tifla li qasmet qalb il-qarrejja Amerikani. Ritratti tat-tifla, mixħuta f’qiegħ ta’ sodda, bil-kemm tiflaħ tiċċaqlaq bil-ġuħ, kien ippubblikat f’ New York Times u qanqal reazzjoni ta’ kompassjoni mill-qarrejja tal-gazzetta li offrew flus biex it-tifla taqleb għall-aħjar.

Il-ħarsa miksura ta’ Amal Hussain, tifla ta’ seba’ snin fi sptar fit-Tramuntana tal-Yemmen jixhed iċ-ċirkostanzi tal-biki li jinsab fihom il-pajjiż mifni bil-gwerra.

Il-familja ta’ Amal ħabbret li t-tifla kienet mietet f’kamp tar-refuġjati l-Ħamis, erba’ mili ‘l bogħod mill-isptar.

Ommha Mariam Ali qalet li għandha qalbha maqsuma bid-dulur, waqt li ddeskriviet lil Amal bħala tifla dejjem ferrieħa. Hija qalet li issa l-inkwiet tagħha hu fuq it-tfal tagħha l-oħra.

Id-drama umana tal-Yemen li qed tħalli ħafna vittmi tpoġġiet fil-lenti tad-dinja wara l-qtil tal-ġurnalista Jamal Khashoggi li wasslet biex il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Lvant jerġgħu jeżaminaw is-sapport tagħhom għall-gwerra.