Aġġornata: Tifla tmut hekk kif karozza daħlet f’pizzeria qrib Pariġi

Tifla ta’ 13-il sena nqatlet hekk kif karozza daħlet f’pizzeria f’villaġġ qrib il-kapitali Franċiża Pariġi.  
Barra  minn hekk, indarbu 12-il persuna, erbgħa minnhom serjament.
Is-sewwieq, li għandu 32 sena u huwa Franċiż ġie arrestat.
Dan l-inċident mhux qed jitqies li għandu rabtiet terroristiċi. Madanakollu, qal lill-Pulizija li kellu l-armi fil-karozza.
Skont il-Pulizija Franċiża, is-sewwieq ma kienx magħruf magħha u kellu l-kondotta nadifa, madanakollu fl-aħħar jiem, jidher li kien ipprova joqtol lilu nnifsu.
Fost dawk midruba hemm ukoll ħu t-tifla li mietet fuq il-post.
Dan ma kienx l-ewwel inċident simili fi Franza u pajjiżi oħra.
Fost dawk li jibqgħu jissemmew kien hemm l-attakk f’Nice, f’Jum Bastille tas-sena li għaddiet, meta terrorist baqa’ dieħel għal fuq in-nies u qatel 84 persuna.
Il-ġimgħa li għaddiet raġel saq għal fuq grupp ta’ suldati f’Pariġi u weġġa’ sitta minnhom.