Tifla titlob lill-Papa jgħinha: tgħannaq lil missierha wara li nħeles mill-ħabs

Inħeles mill-ħabs missier it-tifla li kienet irnexxielha tgħaddi minn qalb il-folla fil-Vatikan biex tasal qrib u tkellem lil Papa Franġisku u titlob l-għajnuna tiegħu.
It-tifla hija Jersey Vargas minn Tennessee fl-Istati Uniti u għandha għaxar snin.
Missierha kien arrestat wara li nstab ħati li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Il-missier huwa immigrant illegali fl-Istati Uniti, iżda bintu għandha ċ-ċittadinanza Amerikana u għalhekk setgħet tmur Ruma. Fil-Vatikan irnexxielha tkellem lill-Papa, ftit jiem biss qabel ma Franġisku iltaqa’ mal-President tal-Istati Uniti Barack Obama.
It-tifla qalet li l-Papa berikha u biesha fuq moħħha. Jersey tirrakkonta kif il-Papa “kellimni f’widnejja u qalli li kien se jitkellem mal-President”.
Missierha issa nħeles mill-ħabs, iżda għad mhux magħruf jew le jekk il-ħelsien mill-arrest tiegħu għandux rabta mal-intervent tal-Papa.