Tifla tal-iskola nżammet mill-Boko Haram għax ma riditx tiċħad il-fidi Kattolika

Meta ftit jiem ilu l-grupp terroristiku Boko Haram ħeles lil grupp ta’ tfal tal-iskola minn Dapchi li kienu nħatfu ħames ġimgħat ilu, baqa’ jżomm waħda minnhom – Leah Sharibu – għax irrifjutat li tiċħad ir-reliġjon Kattolika u tikkonverti għal dak li dawn it-terroristi jsejħulu l-Iżlam.
Il-ħelsien ta’ dawn it-tfal kien innegozjat mill-Gvern Niġerjan. Fiż-żmien li dawn l-istudenti kienu miżmuma mill-grupp terroristiku leħqu mietu.
Nhar l-Erbgħa li għadda, il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tan-Niġerja appellat lill-Gvern biex jagħmel l-almu tiegħu biex anke Leah tinħeles minn idejn il-Boko Haram.
Fr Ralph Madu, Segretarju Ġenerali tal-Konferenza Epsikopali, appella lill-Gvern Niġerjan biex jagħmel sforz ieħor u jinnegozja l-ħelsien tat-tfajla malajr kemm jista jkun.
Hu qal li l-ħtif, il-mewt ta’ ħamsa mill-istudenti, u ż-żamma ta’ Leah huma xhieda ta’ kemm sar diffiċli li tkun Nisrani fin-Niġerja. “Leah li għandha 15-il sena, saret is-simbolu tas-sofferenza, tal-persekuzzjoni u tal-intimidazzjoni li l-Insara fin-Niġerja jkollhom jiffaċċjaw kuljum għax jistqarru l-fidi tagħhom fil-pubbliku”.
Missier Leah, Nathaniel Shairbu, li hu uffiċjal tal-Pulizija u membru tal-Knisja Evanġelika wkoll appella lill-Gvern biex jaħdem għall-ħelsien ta’ bintu.
Hu kien ikkowtat fl-istampa lokali li qal: “Jien imdejjaq ħafna iżda ferħan li binti ma ċaħditx il-fidi tagħha”.
Filwaqt li xi kummentaturi fl-istampa Niġerjana ddeskrivew id-deċiżjoni ta’ din it-tifla bħala waħda “mhux għaqlija” minħabba l-periklu li qed tiffaċċja, il-Konferenza tal-Isqfijiet iddeskrivietha bħala “tifla li qed timxi fuq il-passi ta’ Kristu, il-Messija”.