Tifla ta’ tliet snin hija l-106 persuna salvata mit-terremot fit-Turkija

turkey-izmir
Photo - Orla Guerin - Twitter

Read in English.

Tifla’ ta’ tliet snin ġiet salvata it-Tnejn minkejja li sofriet ġrieħi, ġranet wara terremot b’qawwa ta’ 6.9 li seħħ fuq il-kosta tal-Eġew fit-Turkija, hekk kif l-isforzi ta’ għajnuna komplew tfittxijiet fi tmien binjiet oħra bil-belt ta’ Iżmir, skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Torka Anadolu.

L-awtoritajiet qalu li l-imwiet mit-terremot ta’ nhar il-Ġimgħa issa telgħu għal 81.

Elif kienet il-mija u sitt persuna li ġiet salvata mit-tifrik qabel ma ttieħdet l-isptar. F’messaġġ fuq Twitter minn Mehmet Gullouglu, il-kap tal-Awtorità Torka għall-Immaniġġjar tad-Diżastri u l-Emerġenzi, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għas-sejba tat-tifla ċkejkna.

L-awtoritajiet Torok qalu li 79 persuna mietu f’Iżmir waqt li żewġ żgħażagħ oħra mietu fil-gżira Griega ta’ Samos.

Aktar minn 3,500 tinda u 13,000 sodda ġew provduti biex joffru kenn temporanju, skont l-Awtorità Torka għall-Immaniġġjar tad-Diżastri u l-Emerġenzi, li qalet li 962 persuna ġiet feruta fit-terremot. L-Awtorità qalet li s’issa inħarġu mill-isptar aktar minn 740 vittmi.

Skont l-Istitut Kandilli f’Istanbul, it-terremot ta’ nhar il-Ġimgħa kellu qawwa ta’ 6.9 bl-epiċentru tiegħu fil-baħar Eġew, lejn il-Grigal tal-gżira ta’ Samos.