Tifla ta’ 9 snin tirrapporta lill-ġenituri tagħha talli kabbru u pejpu l-ħaxixa

Tifla ta’ disa’ snin daħlet fl-għassa tal-pulizija ta’ Barnesville f’Minnesota u rrapportat lill-ġenituri talli kabbru u pejpu l-ħaxixa.
Lill-pulizija qaltilhom li l-pjanti tal-ħaxixa li kienu qed ikabbru l-ġenituri tagħha kienu tal-istess tul tagħha. Qalet li ddeċidiet li tirrappurtahom għax ir-riħa kienet iġġegħlha tħossha ma tiflaħx u kienet anke tinkwieta dwar is-saħħa tal-kelb għax il-ġenituri kienu jonfqu d-duħħan f’ħalqu.
Wara li sar ir-rapport, l-awtoritajiet marru fid-dar u sabu l-pjanti tal-ħaxixa kif allegat it-tifla. Il-ġenituri ammettew li jkabbru u jbigħu l-ħaxixa.
L-akkużi huma pendenti u t-tifla issa qed tgħix man-nanniet tagħha.