​Tifla ta’ 6 snin tweġġa’ f’ħabta fl-Għarb

Tifla ta’ sitt snin ġarrbet ġrieħi gravi f’inċident tat-traffiku f’Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2.45pm fi Triq Santu Pietru fl-Għarb.
Il-ħabta seħħet bejn vettura tal-Pulizija misjuqa minn kuntistabbli ta’ 27 sena minn Ta’ Sannat u karozza li kienet qed tinstaq minn Ingliż ta’ 25 sena mill-Għarb. Mal-Ingliż kien hemm żewġ passiġġiera Ingliżi – mara ta’ 21 sena u tifla ta’ 6 snin.
Il-karozzi kienu qed jinstaqu fid-direzzjoni opposta.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lit-tifla l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi iżda mhux fil-periklu tal-mewt.
Il-kuntistabbli weġġa’ ħafif, filwaqt li l-persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.