Tifla ta’ 12-il sena fost il-ħabsin li l-Papa se jaħslilhom saqajhom

Illum il-Papa Franġisku se jkun qed jiċċelebra l-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka fil-ħabs minorili f’Casal dal Marmo. Fost it-tnax-il detenut li l-Papa se jkun qed jaħsillhom sieqhom, se jkun hemm ukoll tfajla. Kien propju l-Papa stess li talab biex ikun hemm preżenza femminili. Wara xi ftit tar-resistenza lejn din l-idea, il-Vatikan aċċetta.

It-tnax-il detenut se jkunu qed jirrappreżentaw it-tnax-il appostlu, u l-Papa, bħal ma jsir f’Ħamis ix-Xirka, se jkun qed ifakkar meta Ġesu’ ħasel saqajn l-Appostli tiegħu. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Vatikan, il-Papa Franġisku, se jkun qed jaħsel ukoll saqajn tfajla.

Id-drapp li bih il-Papa se jkun qed jixxotta s-saqajn, ġie maħdum mill-komunita’ ta’ Villa San Francesco, komunita’ li tilqa’ żgħażagħ u minorenni li jinsabu f’diffikulta’.

Fl-ewwel udjenza tiegħu, il-Papa Franġisku kien indika li l-knisja kattolika mmexxija minnu, se tkun waħda ispirata fuq is-Samaritan it-tajjeb li jissemma’ fil-parabbola ta’ Ġesu’. Knisja li lesta tgħin u tkun viċin il-fqir u min hu fil-bżonn.