Tifla Ingliża ta’ 9 snin tibgħat €3 biex tgħin jinbena n-Notre Dame

Tifla Ingliża li għandha biss disa’ snin iddeċidiet li xtaqet tagħti l-kontribut tagħha lill-fond li nfetaħ sabiex jerġa’ jinbena l-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi.

It-tifla tat donazzjoni ta’ €3.38 lill-Fondation du Patrimoine, waħda mill-erba’ organizzazzjonijiet li ġew mitluba mill-Gvern Franċiż sabiex jiġbru d-donazzjonijiet. Sa issa nġabar total ta’ €850 miljun.

Fl-ittra li bagħtet mal-flus, it-tifla li jisimha Caitlyn spjegat li kienet semgħet bl-aħbar ta’ Notre Dame u xtaqet li tgħin hi wkoll. Qalet li minkejja li taf li d-donazzjoni li tat hi mhix kbira ħafna, sostniet li kull qatra tgħin. Missier Caitlyn, li tkellem mas-CNN qal li bintu kienet ixxokkjata b’dak li ġara u ħasset li riedet tagħmel xi ħaġa dwarha. Qaltlu li minkejja li ma setgħetx tagħti l-mijiet ta’ eluf ta’ Ewro, xtaqet tagħmel il-kontribut tagħha wkoll.

Intant, kelliema għall-Fondazzjoni li rċeviet id-donazzjoni ta’ Caitlyn, qalet mas-CNN li kienu qed jirċievu eluf ta’ ċekkijiet kuljum.

Nirien ħakmu lill-Katidral tan-Notre Dame lura fil-15 t’April. Kawża tan-nirien kien hemm ħsarat estensivi fuq l-istruttura tal-Katidral. Il-President ta’ Franza Emmanuel Macron wiegħed li se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex il-katidral jerġa’ jinbena fi żmien ħames snin.