​Tifla b’talba mqanqla għal Donald Trump

Tifla ta’ seba’ snin minn Aleppo fis-Sirja kitbet ittra lill-President il-ġdid tal-Istati Uniti Donald Trump.
Bana Alabed, li hi magħrufa mad-dinja kollha għat-tweets tagħha, talbet lil Trump biex jagħmel xi ħaġa biex jgħin lit-tfal Sirjani, “għax dawk huma bħat-tfal tagħkom u jistħoqqilhom il-paċi bħalkom.”
Lil Trump kitbitlu li wħud minn sħabha tal-iskola mietu, li tinsab imdejqa ħafna.
Iddeskriviet Aleppo bħala l-belt tal-mewt u li dawk li għadhom is-Sirja qed ibatu minħabba l-adulti.
Bana saħqet li jekk iwegħdha li se jagħmel xi ħaġa, hi diġà tqisu bħala ħabib.
Omm it-tifla qalet li Bana kitbet l-ittra qabel l-inawgurazzjoni ta’ Trump, “għax ratu kemm-il darba fuq it-TV.”
Bana ħarbet minn Aleppo flimkien ma’ familtha f’Diċembru li għadda waqt evakwazzjonijiet tal-massa, u issa qed tgħix fit-Turkija.
It-Turkija tappoġġja l-oppożizzjoni Sirjana, imma l-pożizzjoni ta’ Trump għadha mhix ċara. Dan minkejja li kemm-il darba enfasizza x-xewqa ta’ relazzjoni b’saħħitha mar-Russja.