Tifla bid-Downs li twarrbet minn 20 familja ssib l-imħabba

Ritratt: Facebook

It-Taljan Luca Trapanese ilu nvolut fi programmi ta’ servizzi soċjali sa minn meta kien żagħżugħ. Kien għalhekk li mal-ewwel mument li refa’ lil Alba, tarbija li twieldet bid-Downs u li kellha bżonn familja, ħass f’qalbu li hu kien se jkun ta’ missier għaliha.

Il-każ ta’ Alba huwa wieħed partikolari u ta’ qsim il-qalb. L-ewwel twarrbet minn ommha minħabba li ovvjament it-tarbija kellha bżonnijiet speċjali.

Alba tpoġġiet fil-lista ta’ trabi biex jiġu addottati imma ġiet imwarrba mill-inqas minn 20 familja oħra, sakemm tfaċċa Luca.

Donnu li l-ebda familja ma xtaqet li terfa’ l-piż tal-bżonnijiet taċ-ċkejkna Alba, li spiċċat tiġri minn familja għall-oħra.

Luca kien għad kellu 14-il sena meta beda xogħol ta’ volontarjat ma’ diversi organizzazzjonijiet, fosthom il-fondazzjoni A Ruota Libera, grupp li jipprovdi assistenza lil tfal bid-Down Syndrome.

Minkejja l-esperjenza tiegħu f’dan il-qasam, xejn ma kien faċli għal Luca biex jaddotta lil din it-tarbija li l-ebda familja ma riedet.

Dan għaliex Luca mhuwiex miżżewweġ, u anki huwa omosesswali, u l-aġenziji jippreferu familji tradizzjonali. Dawn il-fatturi ma qatgħux qalb Luca li baqa’ determinat li jaddotta biex ikun jista’ joffri mħabbtu lil din iċ-ċkejkna.

Sa fl-aħħar Luca rnexxielu jilħaq l-għan tiegħu, u issa jinsab kuntent jagħmilha ta’ missier għaċ-ċkejkna Alba.

Hu jistqarr li din it-tifla ġabitlu ħafna ferħ f’ħajtu, tant li jaħtaf kull okkażjoni biex flimkien maċ-ċkejkna jagħmlu ħafna attivitajiet li tfal oħra jagħmlu mal-ġenituri tagħhom.