Tifkira tal-George Cross u tal-Konvoj ta’ Santa Marija

Il-Bank Ċentrali ta' Malta u l-Maltapost għadhom kemm ħarġu 500 sett ta’ muniti u bolol li jfakkru l-għoti tal-George Cross u l-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija.
Dawn inħarġu biex ifakkaru il-75 sena mill-għoti tal-George Cross lil Malta fl-1942 kif ukoll il-Konvoj ta’ Santa Marija.
Il-George Cross kienet mogħtija lil Malta mir-Re Ġorġ VI, 75 sena ilu, biex jonora l-qlubija tal-Maltin.
Ftit xhur wara, waslu Malta erba’ bastimenti tal-merkanzija, minn flotta ta’ 13, bħala parti mill-Konvoj li baqa’ magħruf bħala ta’ Santa Marija.
Dawn il-provvisti saħħew il-Maltin li fl-agħar żminijiet tal-gwerra baqgħu ma ċedewx.
Il-munita tal-fidda inħadmet fir-Royal Dutch Mint u turi l-emblema ta’ Malta flimkien mas-sena tal-ħruġ fuq in-naħa ta’ quddiem.
Fuq wara tal-munita jidher it-tanker Ohio, id-destroyer tar-Royal Navy, u il-George Cross. Il-munita li tista’ wkoll tinxtara separata għandha valur nominali ta’ €10. Noel Galea Bason ħadem fuq id-disinn u naqqax il-munita.
Ir-replika ta’ bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda ġiet ukoll prodotta għall-MaltaPost u turi l-bolla postali ta’ €3.
Il-prezz tas-sett komplut huwa ta’ €92.