Tifkira ta’ żewġ anniversarji fil-Gudja

L-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja din is-sena qiegħda tiċċelebra bil-kbir żewġ anniversarji li jsawru parti importanti mill-istorja tagħha. Dawn huma: 100 sena mit-twaqqif tal-għaqda u 75 sena mill-ħolqien tal-banda tagħha.

Il-programm ta’ ċelebrazzjonijiet li jfakkru dawn iż-żewġ anniversarji importanti jilħaq il-qofol tiegħu b’Kunċert Vokali u Strumentali fuq il-planċier artistiku tas-soċjetà fil-Pjazza tal-Gudja, taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika Dr George Vella.

F’dawn il-kunċert li se jsir nhar is-Sibt, 22 ta’ Ġunju, fit-8.30p.m., se tieħu sehem l-Banda Marija Assunta taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Hermann Farrugia Frantz, flimkien mas-sopran Claire Caruana, il-muezzin Bader Zeina u l-Coro Ben Canto.Ippreżenta l-programm Peter Paul Ciantar.

Waqt il-kunċert issir pawsa qasira li matulha se jsiru xi preżentazzjonijiet u diskorsi uffiċjali. Il-Każin tal-Banda Marija Assunta se jkun ukoll miftuħ għall-pubbliku wara diversi xogħlijiet ta’ tisbiħ u mmodernizzar li sarulu.

Kulħadd huwa mistieden biex jattendi.

L-ewwel soċjetà mużikali

Kien fis-sena 1883 li fil-Gudja twaqqfet l-ewwel soċjetà mużikali, bl-isem ta’ Circolo Musicale Santa Marija. Il-ħajja ta’ din is-soċjetà xejn ma kienet waħda faċli tant li wara li nqalgħu xi problemi, kontra x-xewqa ta’ ħafna, din kellha tagħlaq il-bibien tagħha fl-1915.

Lejn il-bidu tas-sena 1919, reġgħet bdiet tkun diskussa l-possibiltà li tiġi ffurmata soċjetà mużikali ġdida fil-Gudja bil-għan li tgħin fl-organizzazzjoni tal-festa ta’ Santa Marija u wkoll tieħu ħsieb il-festa tal-Madonna taċ-Ċintura.

Din l-inizjattiva li ħarġu biha Abram Zammit, Loretu Thewma, Giuseppe Gatt u John Baldacchino sabet l-appoġġa ta’ għadd inkuraġġanti ta’ nies li wassal biex din il-ħolma titwettaq fir-realtà fost il-ferħ tal-poplu Gudjan.

Is-soċjetà l-ġdida bl-isem ta’ Circolo Musicale Indipendente fetħet uffiċjalment il-bibien tas-sede tagħha nhar il-Ġimgħa, 16 ta’ Mejju 1919. Ftit snin wara, fl-1936, is-soċjetà bidlet isimha għal Każin tal-Banda Re Edward VIII. Fl-10 ta’ Settembru 1943, Mro Anthony Micallef ingħata r-responsabbiltà li jifforma banda.

Eventwalment, Our Lady of Consolation Band Club kienet inawgurata fit-13 ta’ Awwissu 1944 minn Mons Isqof Emmanuel Galea. Din imbagħad bidlet isimha fl-1993 għal Għaqda Mużikali Marija Assunta.

Din l-għaqda mużikali tieħu parti mill-aktar attività fiċ-ċelebrazzjonijiet prinċipali li jsiru fil-Gudja, fosthom l-organizzazzjoni tal-festa tal-Madonna taċ-Ċintura li tkun iċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru, kif ukoll għandha sehem ewlieni biex tkun iċċelebrata l-festa titulari ta’ Santa Marija.

Fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Assunta wieħed isib il-Fratellanza tal-Madonna taċ-Ċintura u l-Kamra tan-Nar Madonna taċ-Ċintura.