Assassinju Daphne: “Irrid insir naf l-istorja vera” – Tajani

Fil-ġurnata ddedikata għall-libertà tal-istampa mad-dinja kollha, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani rċieva memento li jikkommemora lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-ġlieda tagħha għall-verità mill-artist Malti Kevin Scerri fil-preżenza ta’ omm u missier il-ġurnalista assassinata.
Fiċ-ċerimonja, Tajani qal li l-istatwa se titpoġġa fis-sala tal-midja fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu. Din is-sala kienet diġà ssemmiet għal Daphne Caruana Galizia.
Tajani reġa’ qajjem diversi punti li kien esprima ftit qabel fid-diskors li bih fetaħ is-seminar tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew fl-okkażjoni tal-Jum għal-Libertà tal-Midja.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar kif għandu jkun l-aġir ideali ta’ Gvern ta’ stat li huwa membru tal-Unjoni Ewropea wara assassinju ta’ ġurnalista, Tajani qal li għalih din mhix kwistjoni politika. Qal li ried isir jaf għalfejn inqatlet Caruana Galizia. Sostna li ried isir jaf “l-istorja vera li wasslet għal dan il-qtil”.
Fi stqarrija ppubblikata qabel iċ-ċerimonja, Tajani qal li l-Parlament Ewropew huwa minn ta’ quddiem biex jipproteġi lill-ġurnalisti fil-ħidma tagħhom għall-verità u li jkunu ħielsa.
Sostna li s-saltna tad-dritt u r-regoli fil-pajjiżi membri jistgħu jiġu affettwati meta l-ġurnalisti jiġu mhedda, mweġġa’ jew agħar minn hekk maqtula bħalma kienu l-attakki barbari fuq Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak.
Illum, Tajani mistenni jiftaħ ukoll seminar tal-midja dwar "Is-Sitwazzjoni tal-Midja u l-Libertà tal-Espressjoni fit-Turkija" mal-Kummissarju Ewropew Johannes Hahn. Kien għalhekk li Tajani kkummenta u qal li “ma nistgħux inkunu kredibbli fis-sejħa tagħna għal-libertà tal-midja fit-Turkija u madwar id-dinja, jekk ma nistgħux niggarantixxu l-protezzjoni tal-ġurnalisti fl-Ewropa".