Tifhmu l-Malti li tuża l-Qorti?

Teżi ta’ avukata friska tikkonferma li l-lingwaġġ legali juża kliem pompuż, b’espressjonijiet esaġerati u nomi astratti li faċilment jistgħu jiġu evitati.
Monique Cauchi tispjega ma’ Newsbook.com.mt li fl-istudju tagħha kkonkludiet li l-istil użat fil-qrati m’għandux ikun tqil, arkajku, ripetittiv u bi kliem barrani li jidher sofistikat imma ma jinftiehem minn ħadd, ħlief minn dawk midħla tal-professjoni legali.
Fit-teżi Interpretation stops upon clarification? The antagonism between legalese and plain legal language, Cauchi tisħaq li l-liġi qiegħda hemm biex tinftiehem miċ-ċittadini kollha ħalli tinkiseb il-ġustizzja. Għaldaqstant xejn ma jagħmel sens li l-messaġġ li qed tipprova tgħaddi l-liġi ma jinftehimx minn kulħadd minħabba l-kliem vag u inkomplet li qiegħed jintuża.
Barra minn hekk, Cauchi tinnota l-preżenza qawwija ta’ kundizzjonijiet fil-Kodiċi Ċivili u dak Kriminali kif ukoll termini tekniċi Latini użati fil-Kodiċi Ċivili.
Fejn il-liġi ssemmi l-multi, dawn qegħdin miktuba kemm f’ċifri kif ukoll fi kliem. Dan jikkuntrasta ma’ lingwaġġ legali sempliċi u ċar li jitlob li r-rati jinkitbu biss f’figuri.
Cauchi żiedet tgħid li b’mod speċjali fis-sentenzi tal-qrati, l-ortografija Maltija tieħu daqqa ‘l isfel filwaqt li spiss jintużaw in-negattiv u sentenzi twal.
Ittemm li l-lingwaġġ legali qed jostakola liċ-ċittadini milli jkunu attivi fis-soċjetà, skont kif titlob id-demokrazija.
Ritratt: Ian Noel Pace