Tifel ta’ 7 snin operat; ineħħulu 526 sinna

Iktar minn 500 sinna tneħħew minn ħalq tifel ta’ seba’ snin waqt operazzjoni delikata fl-Indja.

It-tifel kien ilu jilmenta b’uġiegħ f’ħalqu mal-ġenituri tiegħu sa minn meta kellu tliet snin. Iċ-ċkejken kien jgħidilhom li kien qed iħoss in-naħa tal-lemin ta’ isfel tax-xedaq minfuħa. Wara snin ta’ tbatija, waqt operazzjoni delikata ferm, f’ħalq it-tifel it-tobba sabu mijiet ta’ strutturi żagħar fin-nefħa li kellu fix-xedaq, li kienet kbira bejn 3 u 5 ċentimetri. It-tobba b’kollox sabu 526 sinna li kienu jvarjaw fil-qies.

It-tabib li opera lit-tifel qal li dan il-każ u l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fid-dinja u li kien tip ta’ tumur.  Żied jgħid li waqt l-operazzjoni kellhom biċċa xogħol delikata hekk kif l-ewwel riedu jisseparawh minn mal-kumplament tal-għadam fil-ħalq.

It-tifel kien ilu jbgħati bl-uġiegħ għal erba’ snin, madanakollu għalkemm il-ġenituri tiegħu ħaduh diversi drabi għand dentisti differenti, il-każ tiegħu ma setax jiġi eżaminat sew għax ma kienx jikkopera mat-tobba.