Tifel ta’ 13-il sena arrestat fi New York b’rabta ma’ qtil ta’ studenta

Il-Pulizija fi New York arrestat tifel ta’ 13-il sena b’rabta mal-qtil ta’ studenta f’park. Dan skont rapport fil-media tal-lokal. Ir-rata tal-kriminalità fi New York qed tikber aktar kemm jgħaddi żmien.

Tessa Majors ta’ 18-il sena qalgħet numru ta’ daqqiet ta’ sikkina nhar l-Erbgħa li għadda waqt li xi persuni ppruvaw jisirquha hi u miexja f’Harlem’s Morningside Park. Dan il-park jinsab viċin Bernard College, fejn hi kienet tattendi, skont id-Dipartiment tal-Pulizija ta’ New York. Il-Pulizija jemmnu li kien hemm tliet persuni li attakkawha.

Majors kien irnexxiela toħroġ mill-park u tmur titlob l-għajnuna minn skola fil-viċinanzi. Hi mbagħad ġiet iddikjarata mejta fl-isptar aktar tard. Hi kienet waslet biex ittemm l-ewwel semestru tagħha fil-kulleġġ wara li telqet minn darha f’Charlottesville, Virgina, u bdiet tgħix fi New York.

Intant, Morningside Park minn dejjem kellu reputazzjoni li ma kienx sigur u li kien sit ta’ diversi kriminalitajiet, inkluż qtil.

Kelliem għall-NYPD qal li sa issa ġie arrestat individwu wieħed u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-Pulizija sabu lit-tifel ta’ 13-il sena l-Ħamis li għadda waqt li kienu qed iħarsu lejn lobby ta’ binja fil-viċin. Il-ħwejjeġ tiegħu kienu jaqblu mad-deskrizzjoni tas-suspettat u fuqu nstabet ukoll sikkina, skont CBS2. L-isem tat-tifel għadu ma ħariġx fil-pubbliku, madanakollu l-media tal-pajjiż qed tirrapporta li hu qal lill-Pulizija li hu u żewġ persuni oħrajn ippruvaw jisirqu lil Majors u tawha daqqiet ta’ sikkina.