Tifel ta’ 12-il sena jerġa’ jinqabad isuq BMW fil-Ħamrun

Tifel ta' 12-il sena għal darb'oħra nqabad isuq karozza tat-tip BMW fil-Ħamrun.
Il-Pulizija kkonfermat ma' Newsbook.com.mt li l-każ seħħ kmieni llum waranofsinhar fi Triq Mile End, meta l-Pulizija tal-RIU kellhom suspett li l-karozza kienet qed tinstaq minn tifel taħt l-età.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, it-tifel huwa l-istess wieħed li nqabad mill-Pulizija 11-il ġurnata ilu, meta kien qed isuq b'veloċità eċċessiva u wara car chase twaqqaf mill-Pulizija fi Triq Mountbatten fil-Ħamrun ukoll.
L-għada li seħħ il-każ, omm it-tifel allegat li binha ssawwat mill-pulizija li qabduh. Il-Pulizija qalu ma' Newsbook.com.mt li qed tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet.
Dwar il-każ, 
l-eks-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit qal li “min għamel ħażin għandu jħallas, irrelevanti jekk kienx il-pulizija jew il-minuri.” Żied jgħid li l-allegazzjonijiet isiru kuljum u għalhekk iridu jiġu ppruvati minn proċeduri interni tal-Pulizija u nkjesta Maġisterjali.