Tifel ta’ 12-il sena fost l-arrestati waqt il-protesti f’Hong Kong

Tifel ta’ 12-il sena kien fost is-36 persuna li ġew arrestati f’lejl ta’ vjolenza fit-toroq ta’ Hong Kong. Tul il-lejl kien hemm ukoll inċidenti fejn il-pulizija sparat fuq in-nies.

Xi persuni minn dawk li ltaqgħu biex jipprotestaw qabbdu u waddbu fliexken tal-ħġieġ bil-petrol u l-forzi tas-sigurtà wieġbu lura bil-gass tad-dmugħ u kanuni tal-ilma. Dan ġara wara li d-dimostrazzjonijiet kontra l-gvern li bdew minn Ġunju qabdu jeskalaw.

Skont kelliema għall-pulizija ta’ Hong Kong, 15-il uffiċjal kellhom jittieħdu l-isptar minħabba li weġġgħu waqt id-dimostrazzjoni. Fi stqarrija, l-pulizija kkonfermat ukoll li sitt uffiċjali fetħu n-nar fuq il-folla li kienet miġbura.