Tifel nieqes fi Spanja jinstab f’bagoll ta’ karozza

Il-katavru tat-tifel ta’ tmien snin irrappurtat nieqes fi Spanja, instab fil-bagoll tal-karozza li kienet qed tinstaq mis-sieħba ta’ missieru. Hi ġiet arrestata wara li twaqqfet mill-Pulizija.
Gabriel Cruz għeb għall-aħħar ta’ Frar li għadda.  L-aħħar li deher kien fis-27 ta’ Frar meta telaq mid-dar ta’ nanntu f’Las Hortichuelas.  Minn hemmhekk kellu jmur għand il-ġar biex jilagħbu, iżda qatt ma rritorna.
It-tfittxija għalih kienet tinvolvi 4,000 pulizija u voluntiera.
Fit-3 ta’ Marzu li għadda, missier it-tifel, Angel Cruz u s-sieħba tiegħu Ana Julia Quezada, sabu T-Shirt bid-DNA ta’ Gabriel, mal-10 kilometri ‘l bogħod minn fejn kien l-aħħar li deher.
Skont il-midja Spanjola, il-Pulizija ilhom jissorveljaw lil Quezada minn dakinhar.
F’demostrazzjoni nhar il-Ġimgħa li għadda, li għaliha attendew eluf ta’ persuni, omm u missier Gabriel qalu li kellhom tama aktar minn qatt qabel li jsibu lil binhom.
Fuq il-mezzi soċjali beda jdur ritratt ta’ ħuta blu, indikazzjoni tal-imħabba li Gabriel kellu għall-baħar, bil-kliem #TodosSomosGabriel, li tfisser “Aħna kollha Gabriel”.
Filmat: Reuters