Tifel mgħammed minn Kanonku f’Bagdad jitqatta’ minn nofs

Tifel ta’ ħames snin tqatta’ minn nofs waqt attakk Iżlamiku fuq il-belt Kristjana ta’ Qaraqosh.
Il-kanonku Andrew White qal li ftit tas-snin ilu għammed lit-tifel fi Knisja f’Bagdad u l-ġenituri tat-tifel semmewh Andrew għalih. Barra minn hekk, il-fatt li ħu t-tifel jismu George għall-Knisja Anglikana ta’ San Ġorġ fl-Iraq, turi kemm il-familja għandha konnessjonijiet soda mal-Knisja Kattolika.  
Il-Kanonku stqarr li jinsab imbikkem wara li t-tifel ta’ nies li jinsabu fl-istess kamra tiegħu kien imqatta’ minn nofs. Qal li l-istat Iżlamiku bl-isem ta' ISIS qed jagħmilha diffiċli għall-familji Kristjani minħabba li biddel il-Belt ta’ Qaraqosh f’waħda ta’ terroriżmu, tefa' l-bombi u spara lin-nies. Fil-fatt matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis li għadda, l-istat Iżlamiku ħa l-kontrol tal-belt permezz ta’ grupp ta’ terroristi li hu mifhum li ġejjin minn madwar id-dinja kollha.
Il-familja tat-tifel u xi nies oħra mill-belt issa telqu lejn Irbil. Madanakollu huwa maħsub li din se tkun id-destinazzjoni li jmiss għall-grupp Iżlamiku.
Minn naħa tiegħu, il-Kanonku White qal li l-Anglikani ilhom jaħdmu ħafna biex joffru sapport lill-Kristjani li qed ikunu fil-mira tal-grupp Iżlamiku. Il-Knisja qed tipprovdi ikel, ilma u akkomodazzjoni lil min għandu bżonn madanakollu il-kanonku saħaq li hemm bżonn ta’ talb u flus. Saħaq li “bit-talb u l-flus nistgħu nagħmlu xi ħaġa imma mingħajrhom ma nistgħu nagħmlu xejn.”