Tifel lura għall-Italja wara li ommu ħaditu mal-ISIS

Tifel ta’ 11-il sena ħa jkun qed jirritorna l-Italja wara li ommu serqitu minn familtu u ħaditu s-Sirja fl-2014. It-tifel instab f’kamp tar-rifuġjati fis-Sirja. Huwa jinstab fi triqtu lejn Ruma.

It-tifel li twieled l-Italja lill-familja Albaniża spiċċa s-Sirja meta ommu ddeċidiet tingħaqad mal-Istat Iżlamiku fl-2014.

Il-mara ħalliet warajha lir-raġel u liż-żewġt itfal oħra fl-Italja fejn kienu jgħixu f’Barzago viċin ta’ Lecco. Huwa maħsub li l-omm mietet fi splużjoni.

It-tifel kellu biss sitt snin meta l-omm qabdet u ħaditu magħha s-Sirja. Huwa nstab jgħix f’kamp f’Al Hol minn uffiċjali tal-Pulizija Taljana.

L-invesitgatur Taljan Guido Salvini qal lill-Imħallef f’seduta ta’ smigħ preliminari li t-tifel jiftakar żmienu fl-Italja.

Missier it-tifel kien ilu jaħdem biex ibnu jiġi l-Italja.

Fis-Sirja, ommu bidlet isem it-tifel għal “Yusuf”. Huwa ma għadux jaf jitkellem Taljan iżda fil-telefonata li saret ma’ familtu u l-Pulizija, deher li għadu jifhem it-Taljan.