Tifel jindarab ħafif wara ġlieda fi skola f’Għawdex

Beppe Galea

Tifel indarab ħafif wara ġlieda fi skola f’Għawdex.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li l-inċident seħħ nhar il-Ħamis 19 ta’ Novembru fir-Rabat. Kien spjegat li t-tobba talbu l-Pulizija sabiex imorru l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara li t-tifel ta’ 13-il sena ddaħħal hemm kawża tal-ġrieħi li ġarrab fil-ġlieda.

Intant, minn informazzjoni li kisbet din il-kamra tal-aħbarijiet, il-ġlieda seħħet fis-Senior School tar-Rabat Għawdex bejn żewġ subien. Wieħed minnhom indarab u spiċċa l-Isptar fejn daħlu wkoll il-Pulizija.

Qarib tat-tifel qal ma’ Newsbook.com.mt li t-tifel kien aggredit minn student ieħor u li din ma kinitx ġlieda.

Jinstab li pożittiv għall-coronavirus

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li meta l-istudent partikolari kien qiegħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, hu nstab pożittiv għall-coronavirus. Din l-informazzjoni waslet għand il-Kap tal-Iskola li infurmat lill-ġenituri dwar dan.

Skont informazzjoni li waslet lil din il-kamra tal-aħbarijiet, l-istudent kien mar l-aħħar l-iskola fit-13 ta’ Novembru. Hu kien mar lura l-iskola fid-19 ta’ Novembru filgħodu kif kien ċertifikat li jagħmel minn tabib u mar fil-klassi. L-istudent ħareġ mill-klassi fit-8.15am għal raġunijiet oħra. Kien spjegat li l-istudent ma kellux kuntatt ma’ ħafna studenti u ma attendiex għal lezzjonijiet.

Madanakollu l-iskola talbet lil sħabu biex ma jattendux skola biex jagħtu ċ-ċans lil contact tracing jiġi attwat. L-iskola ħadet ukoll il-miżuri neċessarji biex it-tindif isir skont il-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.