Jibda jfiq minn kanċer terminali mingħajr trattament

Tifel ta’ tmien snin issorprenda lit-tobba fl-Ingilterra wara li beda jfieq mill-kanċer terminali mingħajr l-ebda trattament.
Il-familja ta’ Julian Malankowska spjegat kif din l-aħbar nisslet fihom tama ġdid wara li kienu aċċettaw li t-tifel kien se jmut hekk kif it-trattamenti li ħa qabel ma ħadmux.
Iċ-ċkejken Julian marad bl-acute lymphoblastic leukaemia fl-2011, tip ta’ kanċer fiċ-ċelloli bojod tad-demm li bdew jagħmlulu ħsarat kbar f’ġismu.
Julian irnexxielu jirbaħ il-marda tal-kanċer tliet darbiet wara li rċieva l-kimoterapija u proċeduri oħra.
Madanakollu, l-kanċer irritorna għar-raba’ darba f’Ġunju tal-2017,u kien hawn li t-tobba qalu lill-familjari taċ-ċkejken li ma kienx se jwassal sal-Milied tas-sena l-oħra. Għal din ir-raġuni t-tifel ma ngħatax trattament.
Għaldaqstant ftit tax-xhur wara, it-testijiet tad-demm bdew juru li t-tifel beda jaqleb għall-aħjar każ li t-tobba sejħulu rarissimu, “wieħed minn seba’ biljuni”.