Tifel ipoġġi ġugarelli fuq oqbra tat-tfal fl-Ingilterra

Tifel ta’ 15-il sena għamilha l-missjoni tiegħu li jħalli soft toy fuq oqbra ta’ tfal f’numru ta’ ċimiterji fl-Ingilterra. Dan wara li ngħata mijiet ta’ soft toys bħala donazzjoni minn għexieren ta’ persuni.

Il-BBC irrapporta kif Owen Osborne-Williams beda jagħmel dan il-ġest ħames snin ilu fi Knisja li kellha ċimiterju f’Hednesford, Staffordshire. Wara li l-ġenerożità tiegħu ġiet imxerrda fuq Facebook, hu beda jirċievi għexieren ta’ rigali matul il-perjodu tal-festi biex ikompli dan il-ġest nobbli.

Omm partikolari li tilfet il-wild tagħha qalet li l-att tat-tifel għena jħossha xi ftit aħjar.

L-ewwel darba li poġġa soft toys fuq qabar kien wara li kien ra l-oqbra tat-tfal meta kien qed iżur il-qabar taz-zija tiegħu Denise.

Missieru Damian qal li għall-ewwel, Owen kien inkwetat għall-fatt li dawn it-tfal ma kienux se jirċievu rigali ta-Milied. Hu kien beda billi ħalla xi ftit mill-ġugarelli tiegħu stess fuq dawn l-oqbra.

“Għall-ewwel ma konnhiex nafu kif kienu se jirreaġixxu n-nies,” qal missieru. “Iżda mbagħad xi ħadd qasam il-ġest tat-tifel fuq Facebook u mill-ewwel beda jirċievi l-appoġġ. Kien hemm eluf ta’ kummenti. Owen kuntent li qed iwassal bosta nies biex jitbissmu,” kompla jgħid.