Tifel imut wara li taqa’ gradenza fuqu; Ikea mmultata €41 miljun

Il-kumpanija Żvediża magħrufa għall-għamara rħisa tagħha, Ikea, se jkollha tħallas €41 lil familja li tilfet tifel wara li waqgħet gradenza fuqu.

Siti internazzjonali qed jirrappurtaw kif Jozef Dudek, kellu sentejn meta faga f’Mejju tal-2017 hekk kif il-gradenza li kienet xtrat il-familja li tgħix f’Kalifornja waqgħet fuqu. Il-gradenza li tiżen 32 kilogramma kienet intalbet lura mill-kumpanija minħabba tħassib dwar is-sigurtà tagħha. Dan wara li tliet itfal oħrajn inqatlu kawża tagħha.

Skont avukati, din hija l-akbar tip ta’ multa li kellha tħallas kumpanija wara mewt ta’ tfal fl-Istati Uniti.

Kelliema għal Ikea qalet li filwaqt li l-ebda ftehim jew ħlas ma jista’ jreġġa’ lura avveniment traġiku bħal dan, jinsabu grati li dan il-każ ġie konkluż. Qalet li huma lesti li jkomplu jaħdmu sabiex jaraw li l-għamara tagħhom li tintuża f’miljuni ta’ djar madwar id-dinja tkun sigura.

Intant, il-ġenituri tat-tifel, Joleen u Craig Dudek, qalu li jinsabu mbikkma bil-mewt ta’ binhom. Qalu li qatt ma mmaġinaw li tifel ta’ sentejn kien se jwassal sabiex iwaqqa’ fuqu nniffsu gradenza għolja 76 ċentimetru. Qalu li aktar tard huma saru jafu li d-disinn tagħha ma kienx wieħed stabbli.

Qalu li qed jgħidu l-istorja tagħhom għax ma jridu jaraw lil ebda familja oħra tgħaddi minn traġedja bħal din. Huma appellaw lil dawk kollha li xtraw il-gradenza sabiex jirritornawha lill-kumpanija.

Il-familja qalet li se tkun qed tagħti donazzjoni ta’ $1 miljun lill-gruppi li qed jaħdmu sabiex jipproteġu tfal minn prodotti perikolużi.

Fl-2016, Ikea talbet lura miljuni ta’ gradenzi fl-Amerika ta’ fuq minħabba tħassib dwar is-sigurtà tagħhom. Din kienet l-ikbar talba li għamlet il-kumpanija fl-istorja tagħha. Għall-bidu, il-kumpanija wissiet lill-klijenti sabiex jimmuntaw il-gradenza mal-ħajt, iżda malli dawn il-gradenzi kkawżaw il-mewt tat-tielet tifel, huma ħadu azzjoni.