​Tifel imut wara li jifga fl-ikel – rapporti

Skont rapporti li dehru f'The Malta Independent u One News, tifel ta’ ħames snin miet wara li faga fl-ikel tiegħu d-dar.
Skont ir-rapporti, ftit qabel il-Milied it-tifel kien qed jiekol meta faga waqt il-ħin tal-ikel. Jidher li omm it-tifel ippruvat tagħtih l-ewwel għajnuna iżda minkejja dan intilef minn sensih.
It-tifel ittieħed l-isptar Mater Dei fejn għamel numru ta’ jiem fit-taqsima tal-kura intensiva. Madanakollu, il-familja tat-tifel ġiet infurmata li ma kienx fadal aktar tama biex jgħix. Huma ħadu d-deċiżjoni li jitfu l-magni li kienu qed iżommu lit-tifel ħaj.
Huwa mifhum li l-organi tiegħu se jingħataw lill-pazjenti oħrajn.
Newsbook.com.mt ma setax jikkonferma din l-aħbar b’mod indipendenti peress li kelliem għall-isptar Mater Dei qal li ma jikkummentawx fuq każijiet individwali.