​Tifel b’tumur f’moħħu rrapurtat nieqes jista’ jkun fi Spanja

Jista’ jkun li jinsab fi Spanja t-tifel ta’ ħames snin li għandu tumur f’moħħu, u li ilu nieqes mindu nħareġ mill-isptar mill-ġenituri tiegħu kontra l-parir tat-tobba.
Il-Pulizija Ingliża qalet li l-familja ta’ Ashya King għandhom rabtiet kbar ma’ Marbella u jemmnu li l-ġenituri u binhom jistgħu jkunu qed jivvjaġġaw lejn Spanja.
L-aħħar li ntlemaħ Ashya wara li nħareġ mill-Isptar ta’ Southampton kien fuq vapurett sejjer lejn Franza.
Il-Pulizija iddeskriviet il-bżonn li t-tifel jinstab bħala wieħed ta’ disprament, sabiex ikun jista’ jingħata l-kura medika li jeħtieġ.
Il-Pulizija wissiet li t-tifel jista’ jkun f’xi post ieħor barra minn Spanja. L-akbar biża’ hija li tista’ tispiċċalu l-batterija tas-sistema li kienet titimgħu meta kien għadu l-isptar.
Għadu mhux magħruf jekk il-ġenituri tiegħu għandhomx batteriji ġodda jew jekk jafux kif jiċċarġjawhom.