“Tifel bħalek jagħtina raġuni biex nibqgħu kuntenti u kburin kuljum”

Awguri lill-kantant Dario Bezzina li llum qed jiċċelebra għeluq il-31 sena tiegħu. Twieled bħal-lum l-20 ta’ Ġunju tal-1989.

Fost il-bosta messaġġi ta’ awguri li huwa kellu llum kien hemm dak ta’ ommu Mariella li qaltli li tixtiequ li l-Mulej jgħinu jikseb il-ħolm tiegħu u jikseb is-suċċessi fil-ħajja u jagħmlu kuntent.

“Tifel bħalek jagħtina raġuni biex nibqgħu kuntenti u kburin kuljum, grazzi! Inħobbok” kompliet tikteb l-omm.

Dario beda juri imħabba lejn il-mużika sa minn eta żgħira meta kien jieħu sehem f’attivitajiet tal-iskola u wara beda jitħarreġ fil-pjanu u t-teorija tal-mużika. Wara beda jitħarreġ fil-vuċi għand Doreen Galea.

Fl-2004 kien biss pożizzjoni u punt biss il-bogħod milli jirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision meta kklassifika fit-tieni post tal-konkors f’Malta bil-kanzunetta Eviva l-Mużika. Hu baqa’ jħares il-quddiem u ta’ 14-il sena irrappreżenta lil Malta fil-konkors Ti Amo Singer’s Festival li ttella’ fir-Rumanija.

Ħa sehem ukoll f’numru kbir ta’ festivals fosthom L-Għanja tal-Poplu, il-Malta International TV Song Festival, il-Malta Hit Song Contest u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Rajnieh ukoll fil-finali tal-Malta Eurovision Song Contest.

Rajnieh ukoll ikanta wkoll ma’ oħtu Grecia fil-Festival Interazzjonali tal-Kanzunetta Maltija u L-Għanja tal-Poplu fost okkażjonijiet oħra.

Nawgurawlu l-isbaħ xewqat f’dan il-jum.