​Tifel b’diżabilità ilu xahar ma jistax imur l-iskola

Tifel ta’ 7 snin, b’diżabilità fiżika, ilu xahar ma jistax jattendi l-iskola minħabba li ma ddaħħlitx applikazzjoni għal LSA (learning support assistant).
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità fetħet protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-kap tal-kulleġġ St Edward’s u l-bord tal-gvernaturi u qed tinsisti li jittieħdu l-passi biex it-tifel ikun jista’ jirritorna l-iskola.
Fil-protest, il-KNPD qalet li t-tifel, li juża siġġu tar-roti, kien qed imur l-iskola bl-għajnuna ta’ LSA mħallsa privatament mill-ġenituri tiegħu meta din suppost tiġi pprovduta mill-iskola. Minn ftit xhur ilu ’l hawn, l-LSA ma setgħetx tibqa’ tipprovdi s-servizz u omm it-tifel kienet qed tmur hi biex tgħin lil binha peress li l-iskola mhix aċċessibbli għal min juża siġġu bir-roti. Fl-istess żmien, il-ġenituri talbu li t-tifel jingħata LSA mill-iskola.
Il-KNPD qalet li saret taf li f’dan iż-żmien kollu, l-iskola qatt ma bdiet il-proċess meħtieġ biex it-tifel jingħata LSA u m’għamlet xejn biex il-bini jkun iktar aċċessibbli għas-siġġu tar-roti.
Sadanittant l-omm kellha diffikultajiet ta’ saħħa u ma setgħetx tibqa’ tmur l-iskola biex tgħin lil binha, b’riżultat li t-tifel ma setax jibqa’ jattendi l-iskola.
Il-KNPD qalet li dan kollu jmur kontra d-drittijiet tat-tifel li mhux qed jingħata aċċess għal servizzi edukattivi kif stipulat mil-liġi Maltija u mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda. Għalhekk talbet lill-iskola biex tieħu l-miżuri meħtieġa inkella tiffaċċja azzjoni legali.