Tifel 12-il sena: Il-Kummissarju ma jsibx problema li 4 pulizija jittressqu l-Qorti

Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar ma jsib ebda oġġezzjoni li erba’ pulizija jitressqu l-Qorti b’rabta mal-allegati daqqiet li sofra t-tifel ta’ 12-il sena li kemm-il darba nqabad isuq karozza. 
Fi kliem il-Kummissarju, id-deċiżjoni li jitressqu l-Qorti minflok jittieħdu passi dixxiplinarji fi ħdan il-Korp, ittieħdet fuq parir tal-Avukat Ġenerali. 
Din il-ġimgħa, l-Ispettur tal-Pulizija Sandro Camilleri, li hu wkoll il-President tal-Police Officers' Union, esprima d-dispjaċir tiegħu u ta’ sħabu, li t-tifel ta’ 12-il sena li nqabad isuq kemm-il darba qed jiġi emmnut aktar minn erba’ pulizija li qabduh fil-fatt
L-Ispettur Sandro Camilleri saħaq li l-biża’ tal-pulizija hi li se jispiċċaw joqogħdu lura u ma jaġixxux, għax qed imorru jaħdmu u jispiċċaw b’xogħolhom mhedded. 
Kif ħarġet l-aħbar li l-Pulizija se jitressqu l-Qorti, bi sfida t-tifel kiteb fuq Facebook, “Ma taqbduni qatt.” 
Waqt il-programm tar-radju Għandi xi Ngħid, il-Kummissarju ġie mistoqsi wkoll dwar il-każ ta’ Mark Gaffarena u l-artijiet tiegħu, u sostna li kull fajl ta’ ċerta importanza li ġie kkonfiskat nhar il-Ħamis li għadda mid-Diparment tal-Artijiet, qed jinżamm f’imsakkar f’post sigur. 
Qal ukoll li ħalla lill-Awditur Ġenerali jmexxi l-investigazzjoni għaliex ħadd daqsu m’għandu riżorsi u esperti biex jinvestiga allegat reat ekonomiku. 
Il-Kummissarju Michael Cassar tkellem ukoll fuq l-inċident tat-taraġ f’Paceville ddefenda l-membri tal-Korp meta sostna li l-pulizija mhumiex responsabbli mis-sigurtà fl-istabbilimenti, iżda madanakollu għandhom jieħdu azzjoni jekk jaraw xi tip ta’ irregolarità jew problema.