Tiħux l-organi miegħek il-ġenna!

Mal-2,000 persuna fis-sena tirreġistra bħala donatur tal-organi. Dan ifisser li dawn l-2,000 ruħ fis-sena jagħżlu li la jmutu, iħallu l-organi tagħhom disponibbli għal min ikollu bżonn.

Alfred Debattista, mill-Malta Transplant Support Group, spjega li trapjanti tal-qalb, għal ħafna raġunijiet, ma jsirux spiss daqs operazzjonijiet fuq organi oħrajn. Bejn wieħed u ieħor, ta’ kull sena isir trampjant tal-qalb wieħed.

S’issa, f’Malta kienu għaxra l-persuni li għamlu l-operazzjoni tat-trapjant tal-qalb. Minnhom, waħda biss kienet pazjenta mara.

It-Transplant Support Group ilu mwaqqaf mis-sena 2000.  Sa minn dakinhar, Alfred Debattista jikkalkuka li l-Grupp laqgħa mal-40,000 donatur prospettiv. Din ir-rata hija fost l-aqwa fl-Ewropa.

S’issa f’Malta jistgħu jiġu ttrapjantati l-qalb, il-kliewi u l-kornea. Meta jkun hemm bżonn li jsiru trapjanti ta’ organi oħra, bħal tal-fwied, il-frixa u l-pulmun, dawn l-operazzjonijiet isiru barra minn Malta.

Alfred Debattista stess illum l-ġurnata qed jgħix grazzi għal qalb ta’ donatur Għawdxi li miet lura fl-1999.

Mill-istess donatur, saru trapjanti oħra ta' żewġ kliewi, żewġ korneas kif ukoll il-fwied li nqasam  bejn żewġ Taljani.

Fl-okkażjoni tal-jum internazzjonali tal-qalb, li jiġi ċċelebrat għada, Alfred Debattista fakkar li bl-għoti tal-organi jistgħu jiġu salvati għadd ta' ħajjiet.

“Qabel ma ġisem ta' persuna jispiċċa trab,il-ġest nobbli tiegħu jista' jsalva ħafna ħajjiet bħalma kien il-każ tiegħi”, temm jgħid Alfred Debattista.  

Kull min hu interessat li jirreġistra għal ‘Doner Card’ jista’ jagħmel dan billi jidħol fuq is-sit http://www.transplantsupport.com.mt. Skont kif inhu l-motto tal-Grupp: Tieħux l-organi miegħek il-ġenna. Alla jaf li għandna bżonnhom hawnhekk!