Tieħu l-flus lura għax “it-termini tal-bagalji tar-Ryanair abbużivi”

Qorti Spanjola ddeċidiet li l-politika kontroversjali tal-linja tal-ajru Ryanair dwar il-bagalji li jittellgħu fuq l-ajruplan hija “abbużiva”, u m’għandhiex tibqa’ valida fi Spanja.

Bħalissa, Ryanair tippermetti biss bagalji tal-idejn jew basktijiet ta’ daqs żgħir li jista’ jiġi stivat ​​taħt is-seat ta’ quddiem.

F’Awwissu tal-2018, il-linja tal-ajru kienet ħabbret li passiġġieri li jkunu jixtiequ jġorru iktar minn basket żgħir wieħed jew bagalja ta’ 10kg jew ikbar se jiġu mitluba jħallsu iktar.

F’dan il-każ, il-Qorti Kummerċjali Spanjola ddeċidiet li l-mara kellha tingħata lura l-miżata li ħallset ta’ €20, bl-interessi inklużi, biex tkun tista’ ttella’ abbord l-ajruplan bagalja ta’ 10kg. L-imħallef insista li l-bagalja setgħet faċilment toqgħod fil-kabina.

Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li l-politika hija nulla u bla effett, u qalet lil Ryanair biex teliminaha mit-termini u l-kundizzjonijiet tagħha.