“Teħdux it-Tqarbin bi drawwa imma dejjem bħallikieku l-Ewwel Tqarbina”

Il-Papa jrid li kull darba li nitqarbnu qisna qed nagħmlu l-Ewwel Tqarbina (CNS photo/Paul Haring)

“Dan hu Ġesù, Ġesù ħaj u m’għandniex neħduh bi drawwa: kull darba trid tkun qisha l-Ewwel Tqariba.”  Dan l-appell imqanqal għamlu l-Papa Franġisku meta l-Ħadd wara nofsinhar ippresieda fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika fl-inħawi ta’ Casal Bertone f’Ruma u wara fil-purċissjoni bl-Ewkaristija.

Il-Papa nnota li jekk nirċievu l-Ewkaristija, f’qalbna jkollna s-saħħa tal-imħabba. “Inħossuna mbierka u maħbuba u nkunu rridu nħobbu aħna stess, fit-toroq tagħna fejn illum se ngħaddu bil-purċissjoni.

“Il-Mulej ġej fit-toroq tagħna u jberikna u jagħmlilna l-kuraġġ. Hu jrid li aħna wkoll nisimgħu u nkunu rigal għall-oħrajn”, enfasizza l-Papa.

Waqt it-talba tal-Angelus Papa Franġisku rrifletta fuq il-festa ta’ Corpus u wissa’ biex it-Tqarbin ma neħduħx bi drawwa u anqas ma neħduh b’garanzija. Fakkar li l-festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, “tistedinna kull sena biex inġeddu l-istagħġib u l-ferħ tagħna għal dan ir-rigal stupend tal-Ewkaristija”.

Ma nitqarbnux b’mod passiv

Hu appella lill-insara biex jirċievu l-Ewkaristija “bi gratitudni” u mhux b’mod passiv jew bi drawwa.

“Ma nistgħux ‘nidraw’ l-Ewkaristija u mmorru nitqarbnu bi drawwa: le!”, qal Papa Franġisku li żied jgħid li kull darba li nersqu lejn l-altar biex nirċievu l-Ewkaristija, “irridu nġeddu l-Ammen tagħna lill-Ġisem ta’ Kristu”.

Meta l-qassis  “Il-Ġisem ta’ Kristu”, aħna ngħidu “Ammen”, imma din trid tkun Ammen li ġejja mill-qalb b’mod konvinċenti”.

Il-Papa saħaq li “l-Ewkaristija hi Kristu, Ġesù li salvani u tagħni l-ħajja”. Kompla jisħaq li “dan hu Kristu ħaj, li ma rridux inqisuh bħala drawwa imma kull darba qisna qed nagħmlu l-Ewwel Tqarbina.”