Tieġ Malta: Għarusa tgħid li ma kellhiex biżżejjed ikel; titlef il-kawża

Għarusa li rrifjutat li tħallas lil min ipprovdielha l-ikel għat-tieġ tagħha, hekk kif qalet li ma pprovdilhiex biżżejjed ikel għall-500 mistieden, tilfet il-kawża u ġiet imġiegħla tħallas il-kont li jmur lura għall-2014.
Il-kumpanija Busy Bee Ltd tellgħet il-qorti klijenta li ma riditx tħallas il-kont tal-ikel tat-tieġ tagħha għax saħqet li qarrqu biha.
Waqt li kienet qed tinstema’ l-kawża, kemm l-għarusa kif ukoll ommha qalu li meta kienu qed jagħmlu l-ordni, esprimew it-tħassib tagħhom dwar jekk l-ikel kienx se jservi.
Rappreżentant tal-Busy Bee Ltd assigurahom li l-ammont ta’ ikel li għażlu kien se jkun biżżejjed għall-500 ruħ filwaqt li qalulhom ukoll li mhux ħa jkun hemm ħela.
Minkejja dan, waqt it-tieġ bosta mistednin gergru li ma kienx hemm biżżejjed ikel u saħqu li wieħed mill-wejters allegatament qal li l-kumpanija kienet ippreparat ikel għal 400 ruħ u mhux 500.
Lejn l-aħħar tat-tieġ, rappreżentant tal-kumpanija mar jgħid lill-missier l-għarusa li ma kienx għad fadal iktar ikel.
Il-każ li spiċċa l-Qorti ra bosta ħaddiema tal-Busy Bee Ltd, kif ukoll mistiedna tat-tieġ jixhdu quddiem il-Maġistrat Jacqueline Padovani Grima.
Wara l-analiżi tal-evidenza, il-Maġsitart qalet li l-ikel li kien hemm fit-tieġ kien biżżejjed u li l-ikel spiċċa minħabba li t-tieġ dam ħafna iżjed milli suppost hekk kif spiċċa fit-8:30pm.
Abbażi ta’ dan, il-Qorti ordnat lill-għarusa tagħmel il-ħlas dovut ta’ €12,359 flimkien mal-interessi dovuti sa mill-2014.