Tiddaħħal direttiva għal ħidma koperattiva waqt investigazzjoni kriminali

Il-Ministeru tal-Ġustizzja qal li ddaħħlet fis-seħħ direttiva Ewropea li tirregola il-koperazzjoni ġudizzjarja waqt investigazzjonijiet kriminali.
Fi stqarrija, il-ministeru spjega li d-direttiva dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali tkopri kemm investigazzjonijiet marbuta ma’ persuni kif ukoll biex tinħareġ informazzjoni dwar kontijiet bankarji u assi ta’ persuni.
Kompla jgħid li din id-direttiva tkompli fuq liġijiet oħra tal-UE li daħlu fis-seħħ matul l-aħħar snin u li permezz tagħhom issaħħet il-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.
Fost dawn l-istrumenti hemm il-Mandat Ewropew għall-Provi (European Evidence Warrant), kif ukoll talbiet speċifiċi għal ġbir ta’ provi, smigħ ta’ xhieda u iffriżar ta’ assi, li jsiru taħt il-qafas ġeneriku ta’ assistenza ġudizzjarja reċiproka bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-kodiċi ta’ din id-direttiva hu 2014/41/UE.