Tiddaħħal direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus

Il-Gvern se jippubblika ħames Avviżi Legali li bihom se jkun qed idaħħal il-liġi Ewropea dwar il-ħasil tal-flus, direttiva li kellha tidħol fil-liġijiet ta’ Malta f’Ġunju li għadda.
Il-Gvern ħabbar dan wara li l-ġimgħa l-oħra, il-Parlament Malti rratifika din id-direttiva Ewropea permezz tal-Abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att kontra l-ħasil tal-flus.
Fl-istess stqarrija, il-Ministeru għall-Finanzi laqa’ l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li fiha approvat it-traspożizzjoni sħiħa tar-raba’ direttiva tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus.
F’Awwissu li għadda, il-Gvern Malti ma kienx wieġeb lill-Kummissjoni dwar għaliex din id-direttiva kienet għadha ma ddaħħlitx fil-liġi Maltija.
Intant, fl-aħħar dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar Malta, il-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-Viċi President Frans Timmermans talbet biex Malta tingħaqad mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex b’hekk tneħħi d-dubji dwar il-ħasil tal-flus.
Ritratt: Flickr – ​EU2017EE