Tiċċekja l-imejls wara x-xogħol? Erġa’ aħsibha

Riċerka ġdida turi li l-kultura li “dejjem xogħol” iżżid l-istress għas-sieħeb jew sieħba tal-persuna li tiċċekja l-imejls wara l-ħin tax-xogħol. L-istħarriġ fost ħaddiema li jaħdmu full-time, li għandhom bejn il-31 u l-40 sena, juri li dawk li spiss jaraw l-imejls wara l-ħin tax-xogħol mingħalihom li l-azzjoni tagħhom ma ddejjaqx lis-sieħeb jew lis-sieħba; iżda fil-fatt dawk fir-relazzjoni magħhom jilmentaw li l-imġiba tagħhom tittestja ħafna l-limitu tal-paċenzja tagħhom.

William Becker li mexxa l-istudju dwar l-emozzjonijiet ta’ min jaħdem jinnota kif min jiċċekja l-imejls wara l-ħin tax-xogħol ma jkunx konxju ta’ kemm ikun qed idejjaq lin-nies ta’ madwaru.

Innota li ħafna postijiet tax-xogħol jistennew li l-impjegati jwieġbu l-imejls f’kull ħin tal-ġurnata, u dan hu biżżejjed biex iwassal għal iktar ansjetà u problemi ta’ saħħa.
F’rapport ippreżentat lill-Akkademja tal-Management f’Chicago, Becker iddeskriva l-iżvantaġġi ta’ soċjetà li ma tistrieħ qatt li tista’ tkun parzjalment responsabbli għall-epidemija ta’ stress u ansjetà.

Filwaqt li l-kumpaniji jiftaħru b’sistemi flessibli ta’ xogħol fejn jagħtu l-ismartphones u l-laptops lill-ħaddiema tagħhom, ir-realtà tkun li x-xogħol jieħu kontroll tal-ħajja tan-nies. “Il-problema bil-flessibiltà hi li ma nitfu qatt,’ jispjega Becker.

Iwaqqfu l-imejls fis-7 ta’ filgħaxija
L-awtur tal-istudju jemmen li l-organizzazzjonijiet għandhom iktar x’jagħmlu biex jgħinu lill-ħaddiema tagħhom. Jissuġġerixxi li jwaqqfu l-imejls mas-7 ta’ filgħaxija, jimponu perjodi fejn ma jistgħux jintbagħtu messaġġi, jew ikun hemm sistema biex ikun assigurat li l-ħaddiema jkollhom il-ħin liberu filgħaxija. Jekk xi ħadd għandu jibgħat imejl fil-11pm, ikollu jiddikjara li mhux qed jistenna tweġiba mmedjata.

Il-ħaddiema min-naħa tagħhom għandhom jistaqsu lilhom infushom jekk meta joqogħdu jaqraw l-imejls waqt l-ikel, ikunux qed iqattgħu ħin importanti mal-familja. Inkella, jekk tinjora l-familja biex tgħaddas wiċċek fil-mowbajl, il-messaġġ lill-qraba jkun li m’humiex importanti. Becker iwissi li jekk din il-ħaġa ma tiġix indirizzata, l-affarijiet imorru għall-agħar u n-nies jibdew jesperjenzaw burn out, iħallu x-xogħol, u jkollhom iktar problemi fir-relazzjonijiet tagħhom.