Tgħidux lit-tfal: “Tiċċassawx”

Il-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu qed jitolbu li l-inviġilaturi waqt l-eżamijiet ta’ uliedhom ma jgħidulhomx kliem bħal, “Tiċċassax, kompli b’xogħolok.” Jgħidu li għalkemm dan il-kliem jista’ jingħad b’intenzjoni tajba, iservi biex ifixkel u ma jgħinx lit-tfal. Jemfasizzaw il-bżonn li l-inviġilaturi jingħataw taħriġ kif għandhom iġibu ruħhom ma’ tfal bi bżonnijiet speċjali.
Din it-talba tinsab inkluża fir-rapport tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar bidliet proposti fis-sistema tal-eżamijiet, biex studenti bi bżonnijiet speċjali jitqiesu “differenti imma indaqs” bħal studenti oħra.
Il-ġenituri jissuġġerixxu li l-LSAs tat-tfal jitħallew jakkumpanjawhom waqt l-eżami biex tonqos l-ansjetà eċċessiva li jħossu kandidati bl-awtiżmu.
Ġabet riżultati brillanti f'kollox ħlief f'wieħed u ma tistax tmur università
Jisħqu li l-awtoritajiet tal-Università għandhom ikunu aktar flessibli dwar is-suġġetti meħtieġa biex l-istudenti jidħlu fl-istituzzjoni. Isemmu l-każ ta’ studenta li kisbet riżultati eċċellenti fis-suġġetti kollha minbarra f’wieħed, li mhux se jkollha bżonnu għall-istudji li kienet se tagħżel.
Għamlet l-eżami għadd ta’ drabi oħra imma, minħabba l-kundizzjoni tagħha, ma kisbitx marka tajba. Għalhekk se jkollha tistenna sa ma jkollha 23 sena biex tidħol l-università bħala studenta matura.
L-Università ta’ Malta wieġbet li se tkun qed tiddiskuti l-proposti fir-rapport tal-Ombudsman.