Tibqgħux tinjoraw ir-rakkomandazzjonijiet – L-Ombudsman

DOI - Jason Borg

L-Ombudsman Parlamentari Anthony C. Mifsud qal li permezz ta’ numru ta’ ilmenti li ġew investigati minnu u mill-Kummissarji, ġiet ibbażata opinjoni finali u numru minn dawn intbagħtu lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, wara li l-Ombudsmen irċieva tweġiba negattiva mill-awtoritajiet pubbliċi għat-talbiet tiegħu biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet. Kompla li sad-data li qed jiġi ppubblikat dan ir-rapport ”ebda wieħed minn dawn il-każijiet li ġew riferuti ma ġew ikkunsidrati b’mod attiv mill-Kamra.  Ma kien hemm assolutament l-ebda reazzjoni.“

Mifsud ippreżenta l-pubblikazzjoni ta’ Każijiet fil-Qosor 2018 lill-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Fid-daħla ta’ din il-pubblikazzjoni l-Ombudsman kompla li wieħed jista’ jasal għal konklużjoni li din il-proċedura statutorja fl-Att dwar l-Ombudsman, maħsuba sabiex tassigura li jingħata rimedju kontra l-inġustizzja liċ-ċittadini li jintlaqtu ħażin mhux qed tkun effettiva u għalhekk għandha tiġi rimedjata.

Huwa kompla li dan it-tħassib tqajjem ukoll mill-Kummissjoni Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar it-tibdil Kostituzzjonali dwar is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi. Min-naħa tiegħu l-Ombudsman jilqa’ l-bidu ta’ proċess leġislattiv inizjat mill-Gvern fil-Parlament dwar proposti tal-Kummissjoni Venezja.