“Tibqgħux tikkapparraw il-bajjiet” – l- NGOs b’oġġezzjoni għall-proġett fil-Balluta

Moviment Graffitti

Read in English.

Is-87 individwu, il-Kunsill Lokali u l-għaqdiet li qed jappellaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li tagħti permess lil Fortina Group biex jopera katamaran mill-bajja tal-Balluta appellaw lill-kumpanija biex ma tibqax tikkapparra l-bajjiet Maltin, flimkien ma’ għadd ta’ kumpaniji u żviluppaturi oħrajn.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, huma kkritikaw l-istqarrija stampa li ppubblikat il-kumpanija t-Tnejn li għadda. F’din l-istqarrija, il-Fortina Investments sostniet li l-vapuri tagħha li se jkunu qed joperaw is-servizz tal-hop-off, hop-on mhux se jkunu qed jidħol fil-bajja l-imrammla tal-Balluta. Il-kumpanija spjegat li s-servizz ta’ iSeeMalta ra investiment ta’ €20 miljun u se jkun qed jibda jopera matul dan is-sajf. Is-servizz se jkun qed joffri mod alternattiv ta’ kif wieħed jista’ jivvjaġġa f’Malta.

Min-naħa tagħhom, dawk li qed joġġezzjonaw qalu li, “Il-bajja kollha mill-Balluta sa wara l-pitch tal-waterpolo ta’ San Ġiljan hija uffiċjalment żona fejn il-membri tal-pubbliku jistgħu jgħumu, jużaw il-kajjikki, jogħdsu u jipprattikaw diversi attivitajiet marbuta mal-isport tal-ilma. Is-swimming zones huma ħafna iżgħar u qegħdin imdawrin bil-ħbula biex ma jkunux jistgħu jidħlu jet skis u inġenji oħra tal-baħar. Iżda ma jfissirx li l-għawwiema kollha għandhom ikunu kostretti li jgħumu biss f’dawn il-konfini. Aħna m’aħniex tonn maqfulin ġo gaġġa.”

Issoktaw jgħidu li l-iżviluppatur qed jipprova jgħaddi dan l-iżvilupp bħala xi ħaġa temporanja, li se ġġib magħha ftit li xejn tfixkil. Mentri huma stqarrew li l-kelma “temporanja” ma tissemmiex fl-applikazzjoni approvata.

Qalu wkoll li s-servizz tal-ferry għat-turisti kien tħabbar mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat waqt attività li kienet saret f’Ottubru tal-2019 qabel ma l-permessi kienu għadhom ħarġu.

“Aħna nafu x’tirrappreżenta u se nibqgħu nieħdu azzjonijiet legali biex inwaqqfuk milli tkompli tikkapparra l-bajjiet tagħna,” qalu dawk li qed joġġezzjonaw għall-proġett.