Tibqgħux tarmu s-sigaretti bl-addoċċ – KSU lill-istudenti

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qegħdin jinsistu fuq il-ħtieġa li tinstab soluzzjoni biex titjieb is-sistema tar-riċiklaġġ u tar-rimi tas-sigaretti fl-Università ta’ Malta, wara li minn attività ta’ ġbir ta’ skart fl-Università, ġabru ammont sostanzjali ta’ filtri tas-sigaretti mormija bl-addoċċ.

Fil-kollaborazzjoni ta’ ġbir ta’ skart li l-KSU għamlu mal-għaqda mhux governattiva Żibel, ġabru 13.61 kilo ta’ skart mill-Atriju Vassalli (Quad) u mill-Parkeġġ 4, li kienu jikkonsistu fi skart ta’ riċiklaġġ (3.74 kilos), skart ġenerali (3.92 kilos li minnhom kien hemm numru esaġerat ta’ filtri tas-sigaretti), u 5.95 kilos ta’ skart goff.

Fi stqarrija, KSU insistew li jeħtieġ li jkun hemm metodu ta’ rimi tal-filtri tas-sigaretti adekwat, u ħeġġew lill-istudenti u lill-impjegati akkademiċi biex ma jibqgħux jarmu l-filtri tas-sigaretti fuq il-kampus. Huma fakkru dwar kemm jagħmlu ħsara l-filtri tas-sigaretti għall-ambjent, fejn filtru jista’ jdum bejn 18-il xahar u 10 snin biex jiddekomponi.

Barra minn hekk, KSU sabu wkoll ħmieġ wara xi ħaxix fil-Kwadranglu, li qalu li hu inaċċettabbli, u ġest ta’ bla rispett lejn l-istudenti universitarji, u aktar u aktar lejn dawk li jnaddfu l-kampus.

Rigward is-sistema tar-riċiklaġġ, il-KSU qalu li sabu soluzzjoni temporanja billi waħħlu tabelli fuq kull bin fil-Kwadranglu u lejn il-librerija biex l-istudenti jaraw aħjar liema minnhom huma tar-riċiklaġġ.

KSU qalu li beħsiebhom ikomplu jaħdmu mal-NGO Żibel biex jorganizzaw aktar attivitajiet ta’ ġbir ta’ skart.